Quantcast
Channel: Edward Scicluna
Viewing all articles
Browse latest Browse all 691

Imnedija ‘White Paper’dwar is-suq tal-kera għal konsultazzjoni pubblika

$
0
0

Is-Segretarjat Parlamentari għall-Akkomodazzjoni Soċjali nieda l-White Paper dwar is-suq tal-kera għal konsultazzjoni pubblika. Ir-riforma proposta għandha l-għan li toffri stabbiltà, trasparenza, prevedibilità u professjonalizzazzjoni tas-suq tal-kera privat.

STQARRIJA

MILL-MINISTERU GĦALL-FINANZI

U

MILL-MINISTERU GĦALL-FAMILJA, DRITTIJIET TAT-TFAL U SOLIDARJETÀ SOĊJALI

Il-White Paper tipproponi kuntratti aktar fit-tul, reġistrazzjoni obbligatorja tal-kuntratti tal-kera, tistabbilixxi perjodu minimu ta’ avviż għas-sidien u għall-inkwilin, infurzar kontra l-irregolaritajiet u l-abbużi flimkien ma’ iktar effiċjenza fis-soluzzjoni tat-tilwim.

Il-White Paper hi mfassla fuq 14-il xahar ta’ riċerka u ta’ konsultazzjoni ma’ iktar minn 350 individwu u entità u qed tipproponi żewġ mudelli għal konsultazzjoni.

L-ewwel mudell jipproponi durata minima obbligatorja, bil-massimu taż-żidiet, minn sena għall-oħra, stabbilit sabiex tiżdied il-prevedibilità. It-tieni mudell jinċentiva fiskalment kuntratti aktar fit-tul.

Fiż-żewġ mudelli, il-prezz inizjali jitħalla f’idejn is-sid u l-inkwilin, bl-ewwel xhur ikunu obbligatorji għall-inkwilin. B’hekk is-sidien ikollhom garanzija għall-investiment li jkunu għamlu. Sabiex igawdu minn aktar protezzjoni s-sidien u l-familji fil-kera, se jiġi reġistrat flimkien mal-kuntratt id-depożitu li jintalab mis-sid fil-bidu tal-kirja flimkien ma’ inventarju bir-ritratti. Mar-reġistrazzjoni tal-kuntratt se jkunu rekwiżiti wkoll il-formoli tal-ARMS biex tiżdied it-trasparenza fil-ħlas tal-kontijiet.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes spjega li dak li qed tipproponi l-White Paper tal-kera jirrifletti l-fatt li s-settur tal-kera privat inbidel minn kif kien fil-passat, jiġifieri ta’ akkomodazzjoni temporanja għal ftit nies, iżda qed isir soluzzjoni ta’ akkomodazzjoni għal terminu medju u twil.

Dan hu riżultat tal-bidliet demografiċi fl-aħħar snin u għalhekk iż-żewġ alternattivi li tipproponi l- White Paper iħarsu aktar fit-tul biex is-settur tal-kera privat ikun alternattiva ta’ akkomodazzjoni aktar sigura. Is-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes spjega li permezz tal-White Paper se tiżdied l-istabbiltà fis-suq biex il-familji fil-kera jgħixu mingħajr biża’, se tiżdied it-trasparenza biex tissaħħaħ ir-relazzjoni bejn min jikri u s-sid filwaqt li se żżid il-prevedibilità biex il-familji li bil-għaqal tagħhom investew fil-proprjetà jibqgħu jagħmlu qligħ denju u ġust.

 

Is-Segretarju Parlamentari kkonkluda li l-White Paper mhix iżolata iżda hi parti minn proġett wiesa’ għall-housing f’pajjiżna.

“Dan hu proġett li jħares fit-tul u li jinkludi fih pakkett ta’ miżuri li se nintroduċu fil-budget għas-sena d-dieħla inkluż mekkaniżmu ġdid għall-benefiċċju li jirċievu dawk li jgħixu fil-kera”.

Il-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon żied li l-White Paper hi xhieda ċara ta’ kemm il-Gvern qed jieħu bis-serjetà s-suq tal-kera u  l-istabbiltà tiegħu.

Il-Ministru spjega li s-sitwazzjoni tal-lum hi riżultat tal-liġi li tneħħiet fl-1995 li kienet tiffoka aktar fuq l-inkwilin. Il-Ministru Falzon żied li l-Gvern se jibqa’ miftuħ għal iktar opinjonijiet permezz ta’ konsultazzjoni pubblika biex b’hekk tingħata stampa ċara bil-għan ewlieni li jiġu salvagwardjati kemm id-drittijiet tal-inkwilin u anke tas-sidien.

Il-Ministru Michael Falzon fakkar li Malta għandha fost l-aktar sidien ta’djarhom li jammontaw għal 78%. Quddiem dawn il-figuri pożittivi, xorta waħda dan il-gvern se jkompli jieħu l-interess tan-nies li qed jikru jew inkella jeħtieġu akkomodazzjoni soċjali.

Il-Ministru kkonkluda li l-Gvern se jibqa’ sensittiv u se jkompli jagħti l-għajnuna lil dawk l-aktar fil-bżonn fejn tidħol l-akkomodazzjoni soċjali.

Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna qal li “l-għażla bejn jekk familja tixri jew tikri għandha tkun ħielsa u tibqa’ miftuħa u meħuda skont iċ-ċirkustanzi tal-familja”. Bħalissa, għandna tletin elf familja li qed jikru dar u tletin elf familja oħra li xtraw dar bis-self. Hemm ukoll mitt elf familja oħra li huma sidien ta’ djarhom mingħajr piżijiet ta’ self.

Wieħed jistma li l-assi li l-familji Maltin u Għawdxin għandhom fuq il-proprjetà li jgħixu fiha jlaħħqu għal aktar minn sebgħin elf biljun ewro u din qed tiżdied fil-valur tagħha kull sena.

Il-Ministru spjega li l-istatistika riċenti tagħti stampa inkoraġġanti fejn il-perċentwali tal-familji li qalu li l-ispiża fuq dar hi piż sostanzjali tas-salarju naqas minn sittin fil-mija fis-sena 2013 għal għoxrin fil-mija s-sena l-oħra. It-tkabbir ekonomiku kif ukoll il-miżuri tal-budgets wasslu għal dan it-titjib, ikkonkluda l-Ministru Scicluna.

Il-konsultazzjoni se tkun miftuħa għall-pubbliku sat-30 ta’ Novembru. Fil-jiem li ġejjin il-Gvern se jorganizza laqgħat ta’ konsultazzjoni f’bosta kunsillil dwar il-proposti tal-White Paper.

Tista’ tniżżel id-dokument tal-White Paper dwar is-suq tal-kera mil-link

Aktar tagħrif jinkiseb minn din is-sit 

  

 

Monday 15th October 2018


Viewing all articles
Browse latest Browse all 691

Trending Articles